Dwar il-BCJS
Missjoni u Viżjoni
Fl-Iskola Primarja tal-Konservatorju tal-Isqof, nemmnu bis-sħiħ li kull tifel u tifla fdata f’idejna jistħoqqilhom l-aħjar opportunitajiet ta’ tagħlim, kura individwalizzata, u attenzjoni. L-għan tagħna mhuwiex biss li ngħaddu l-għarfien, iżda wkoll li nrawmu ħiliet fit-tfal biex isiru ċittadini maturi, riflessivi, kritiċi, assertivi u indipendenti, u li jagħrfu l-importanza tat-tagħlim tul ħajjithom.
Sabiex niżguraw li din il-mixja trasformattiva sseħħ, żviluppajna viżjoni ta’ kif għandha tkun skola li tipprepara lit-tfal għall-ħajja fis-seklu 21
Edukazzjoni Ħolistika
Bħala skola nimpenjaw ruħna biex nipprovdu edukazzjoni komprensiva li tmur lil hinn mill-kotba u l-eżamijiet. Sabiex it-tfal jiżviluppaw b’mod ħolistiku, nagħtu importanza kbira mhux biss l-iżvilupp intellettwali iżda wkoll dak emozzjonali, soċjali u fiżiku, sabiex it-tfal ikunu preparati biex jirnexxu f’dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel.
Il-Fidi Nisranija
Ispirati mit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, infittxu li nnisslu valuri Nsara bħall-kompassjoni, l-integrità u s-sens ta’ qadi fit-tfal tagħna. Permezz ta’ edukazzjoni msejsa fuq il-fidi, l-għan tagħna hu li nrawmu ċittadini li huma sensittivi għall-bżonnijiet tal-oħrajn u ddedikati biex jagħmlu differenza pożittivà fid-dinja.
L-Inklużjoni
Nemmnu li d-diversità ssaħħaħna u għalhekk naħdmu ħafna biex inkunu komunità inklussiva, fejn kull tifel u tifla huma apprezzati, rispettati u ċċelebrati għal min huma. Inrawmu kultura ta’ responsabbiltà fejn il-kollaborazzjoni u l-empatija huma prinċipji fundamentali. Dan kollu biex niżguraw li kull wieħed u waħda mit-tfal iħossuhom li jappartjenu fil-komunità tagħna.
Il-Kompetizzjoni
Filwaqt li kompetizzjoni sana tista’ tispira żvilupp, aħna nagħtu prijorità lill-iżvilupp personali aktar milli lill-paragun mal-oħrajn. Għalhekk nimmotivaw u nħeġġu lil kull tifel u tifla biex jisfidaw lilhom infushom, jistabbilixxu miri ambizzjużi, u jistinkaw għal titjib personali kontinwu sabiex jibqgħu jikbru u jiżviluppaw b’mod individwali, kull wieħed u waħda skond il-bżonnijiet personali tagħhom.
Individwi Responsabbli
Fil-qalba tal-missjoni tagħna hemm li nrawmu ċittadini responsabbli. Għalhekk inħeġġu lit-tfal jgħixu f’armonija mal-oħrajn, jilqgħu d-diversità, u jagħtu kontribuzzjonijiet sinifikanti lill-komunitajiet tagħhom. Billi nrawmu l-empatija, ir-reżiljenza u sens ta’ responsabbiltà soċjali, nippreparaw lit-tfal tagħna biex ikunu ċittadini globali mimlijin kompassjoni.
Nemmnu li flimkien nistgħu nispiraw u nagħtu l-għodda lill-ġenerazzjoni li jmiss biex tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha u tħalli impatt dejjiemi fuq id-dinja.