Fl-Iskola Primarja tal-Konservatorju tal-Isqof, nemmnu li kull tifel u tifla jistħoqqilhom ambjent sigur, inklussiv u stimulanti fejn jistgħu jilagħbu, jitgħallmu u jikbru. B’din il-viżjoni f’moħħna, bdejna vjaġġ eċċitanti biex nittrasformaw il-grawnd tal-iskola tagħna fi spazju modern u multifunzjonali li jippromwovi l-attività fiżika, il-kreattività, il-ħbiberija u l-benesseri tat-tfal.
Il-proġett beda b’applikazzjoni għall-fondi permezz tal-Programm LEADER fi ħdan il-Gozo Action Group Foundation, segwita minn ħafna ppjanar u konsultazzjonijiet. Fuq kollox, tajna widen lit-tfal tagħna, li bl-ideat u x-xewqat tagħhom għenuna nfasslu d-disinn tal-grawnd il-ġdid.
Wara xhur ta’ preparazzjoni, diversi laqgħat u sfidi mhux mistennija matul ix-xogħlijiet, il-viżjoni tagħna fl-aħħar saret realtà!
Il-grawnd il-ġdid tagħna issa jinkludi grawnd tal-futbol bit-turf artifiċjali, grawnd tal-basketball tar-rubber, ħajt għat-tixbit, trampoline, sand pits, spazji għad-dell fejn it-tfal jistgħu joqogħdu jilagħbu u jieklu, kif ukoll passaġġi aċċessibbli. Inkludejna wkoll ġardina li għamlet l-ambjent aktar sabiħ u akkoljenti. Barra minn hekk, ħsibna wkoll li ninkludu bord tal-komunikazzjoni ddisinjat apposta biex ikompli jsaħħaħ l-impenn tagħna lejn l-inklużjoni, billi jgħin biex kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità jikkomunikaw, jipparteċipaw u jgawdu l-ħin tal-logħob.
Aktar minn sempliċi grawnd, dan il-proġett jirrappreżenta investiment fil-ferħ, fil-benesseri u fil-futur tat-tfal tagħna.
Aħna tassew grati lejn kull min ta sehmu biex din il-ħolma setgħet issir realtà. Fuq kollox, aħna kburin li din it-trasformazzjoni kienet ispirata mill-ideat tat-tfal tagħna stess.
Flimkien, ħloqna spazju fejn se jitnisslu memorji sbieħ li jibqgħu għal ġenerazzjonijiet sħaħ!

